Malta / Malta

F’Malta hemm numru limitat ta’ mezzi tax-xandir lokali diġitali li huma indipendenti. Dan huwa parzjalment dovut għax-xena tal-midja tal-pajjiż; dan is-suq żgħir huwa ddominat mill-mezzi tax-xandir li huma proprjetà tal-partiti politiċi. Li wieħed jipprova jxejjen din il-ħakma fuq id-dibattitu pubbliku tal-pajjiż jaf titqies bħala sfida kbira, speċjalment meta n-numru żgħir ta’ organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti disponibbli f’Malta jridu jaħdmu f’ambjent polarizzanti u b’riżorsi limitati. 

Madankollu, l-organizzazzjonijiet tal-midja intervistati għal Project Oasis qed jibdew jagħmlu progress, u dan prinċipalment grazzi għall-kwalità ta’ xogħolhom u n-network ta’ appoġġ lokali u internazzjonali li qed jikber.

INFORMAZZJONI ĠENERALI

Organizzazzjonijiet tal-midja fid-Direttorju
4
Tipi ta’ organizzazzjoni
  • Bi skop ta’ qligħ: 33.3%
  • Mingħajr skop ta’ qligħ: 66.7%
  • Ibrida: 0.0%
  • Għadha ma ġietx inkorporata / irreġistrata: 0.0%
Ġeneru tal-fundaturi
  • Maskili: 85.7%
  • Femminili: 14.3%
Tipi ta’ rappurtaġġ
  • Iperlokali: 0
  • Internazzjonali: 1
  • Lokali: 0
  • Nazzjonali: 3
  • Reġjonali: 0

Fl-isfond ta’ dik li ħafna sejħulha “ġrajja ta’ estinzjoni tal-midja”, ikkawżata mill-pandemija, l-instabbiltà ekonomika, id-diżinformazzjoni u l-gwerra, feġġew, u qed ikomplu jizdiedu, diversi tipi ġodda ta’ midja tal-aħbarijiet indipendenti.

Filwaqt li l-mezzi tal-aħbarijiet tradizzjonali komplew inaqqsu in-numru ta’ impjegati tagħhom matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-midja diġitali infirxet madwar l-Ewropa, u mliet l-ispazji neqsin mill-aħbarijiet, attirat udjenzi diżillużi u fetħet it-triq għal modi ġodda kif tista’ tinxtered informazzjoni essenzjali.

Minkejja d-differenzi politiċi, ekonomiċi u lingwistiċi li jikkaratterizzaw l-40+ pajjiż fejn wettaqna din ir-riċerka, il-540 organizzazzjoni tal-midja diġitali fid-direttorju tagħna ta’ Project Oasis jiffaċċjaw bosta sfidi u opportunitajiet komuni.

Fost is-sejbiet ewlenin tagħna:

  • Dawn jużaw il-midja soċjali biex jilħqu udjenza aktar żgħażugħa, jibagħtu l-aġġornamenti tal-aħbarijiet permezz ta’ Telegram biex jevitaw iċ-ċensura, u jħarrġu ċittadini ġurnalisti biex jilħqu lill-komunitajiet li mhumiex milħuqa biżżejjed.
  • Aktar minn 85 % qalu li s-soċjetà u l-kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem huma fost l-oqsma ewlenin li jirrappurtaw dwarhom, fosthom suġġetti relatati mal-migrazzjoni, ir-refuġjati, il-ġeneru u l-femminiżmu.
  • Aktar minn 50 % jiddedikaw riżorsi għall-ġurnaliżmu investigattiv, u ħafna jiffurmaw alleanzi biex jirrappurtaw stejjer lil hinn mill-fruntieri tagħhom.
  • Aktar minn 58 % tal-fundaturi tal-midja msemmija f’dan ir-rapport huma nisa. Huma jikkollaboraw ħafna, u l-biċċa l-kbira għandhom żewġ kofundaturi jew aktar.
  • Il-midja mwaqqfa minn timijiet li jinkludu kemm irġiel kif ukoll nisa rrappurtat l-ogħla dħul, b’medja ta’ €509,740 fis-sena.
  • Dawk li jinvestu fl-iżvilupp tan-negozju jibnu organizzazzjonijiet aktar sostenibbli. Il-mezzi tal-midja li għandhom mill-inqas impjegat wieħed iffokat fuq il-ġenerazzjoni tad-dħul irrappurtaw dħul annwali medju sitt darbiet ogħla minn dawk li m’għandhomx persuni fi rwol bħal dan: €598,539 meta mqabbla ma’ €95,629.
  • Aktar minn nofs il-mezzi tal-midja f’dan l-istudju huma organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, u ħafna mill-impriżi bi skop ta’ qligħ jinvestu aktar fil-ġurnaliżmu milli f’li jagħmlu profitt.
  • Fost il-mezzi tal-midja mingħajr skop ta’ qligħ, is-sorsi primarji tad-dħul huma l-għotjiet, id-donazzjonijiet individwali u abbonamenti (f’dik l-ordni). Fost dawk bi skop ta’ qligħ, is-sorsi ewlenin huma: ir-reklamar, l-abbonamenti għas-sit elettroniku u l-għotjiet.
  • Id-diversità tas-sorsi tad-dħul hija essenzjali, iżda wisq riżorsi mhumiex korrelatati ma’ suċċess akbar. Jidher li l-aħjar mod għas-sostenibbiltà u l-indipendenza huwa li jiġu żviluppati minn żewġ sa sitt sorsi ta’ dħul.
  • Il-mezzi tal-midja diġitali jvarjaw minn impriżi ġodda żgħar immexxija minn voluntiera ddedikati lejn il-komunitajiet tagħhom, għal operazzjonijiet li jmexxu bosta pjattaformi u jagħmlu qligħ kbir li jattiraw miljuni ta’ żjarat fil-paġni tagħhom kull xahar u jaqilgħu diversi miljuni ta’ ewro fis-sena.
  • Għalkemm uħud mill-mezzi tal-midja f’dan l-istudju ilhom joperaw għal aktar minn 20 sena, aktar minn nofshom bdew jippubblikaw fl-aħħar għaxar snin. L-akbar ammont fosthom twaqqfu fl-2016.

Is-sostenibbiltà mhix faċli, u m’hemm l-ebda riċetta sempliċi għas-suċċess. Madankollu, ħafna mill-kapijiet tal-midja li intervistajna qegħdin juru biċ-ċar li huwa possibbli li jsibu l-appoġġ li jeħtieġu biex jaqdu lill-komunitajiet tagħhom.

“Le għall-oligarki, le għall-aċċess bi ħlas. Id-donazzjonijiet tagħkom u l-ħidma tagħna biss,” huwa l-islogan tal-mezz diġitali Ċek Deník Referendum, li twaqqaf fl-2009. Dwar il-metodu tiegħu, il-Kap Editur Jakub Patočka qalilna: “Il-qarrejja li jixtiequ jiddiskutu [fis-sezzjoni tal-kummenti] taħt l-artikli tagħna jridu jħallsu tariffa. Dan l-approċċ jiġġenera dħul modest u jgħinna wkoll nikkultivaw id-diskussjoni.”

Il-kooperattivi tal-midja ffinanzjati permezz tal-kontribuzzjonijiet mill-membri huma mudell interessanti fost uħud mill-pubblikazzjonijiet fid-direttorju tagħna. Fir-Renju Unit, il-membri tal-kooperattiva The Bristol Cable huma wkoll “azzjonisti demokratiċi”, jiġifieri jistgħu jattendu l-laqgħat ġenerali annwali tal-organizzazzjoni, jivvutaw fuq kampanji editorjali u joħorġu għall-elezzjonijiet tal-bord tad-diretturi mhux eżekuttiv.

Il-biċċa l-kbira tal-impriżi tal-midja li mmappjajna biex ħloqna d-direttorju tagħna ġew imwaqqfa minn ġurnalisti, spiss b’riżorsi u esperjenza tan-negozju limitati, iżda minkejja dawn l-isfidi (u ħafna oħrajn), ħafna qalu li jistennew li se jikbru fis-snin li ġejjin.

Uħud se jkunu magħrufin sew fost il-qarrejja li jaħdmu fil-qasam tal-midja, iżda nemmnu li se ssibu xi ftit sorpriżi fost il-ħafna eżempji ta’ ispirazzjoni li sibna fl-Ewropa. Madankollu, ma nippretendux li din l-ewwel verżjoni ta’ Project Oasis tirrappreżenta l-midja kollha li għandha tkun inkluża fid-direttorju Ewropew tagħna.

Ħafna mis-sejbiet tagħna f’dan l-istudju kienu konsistenti mal-proġetti ta’ riċerka preċedenti tagħna, u sabiex nipprovdu kuntest usa’ u punti ta’ tqabbil, nesploraw aktar fil-fond is-sejbiet ewlenin kollha t’hawn fuq fir-rapport li jsegwi.

Dan il-proġett ta’ riċerka twettaq bil-metodoloġija li żviluppajna f’SembraMedia meta bdejna nfittxu tipi simili ta’ mezzi tal-midja f’komunitajiet Ispaniċi fl-Amerka Latina, fi Spanja u fl-Istati Uniti fl-2015. Minn mindu bdejna Project Oasis fl-2022, aktar minn 60 ruħ ħadmu fuq dan il-proġett, fosthom 34 riċerkatur b’esperjenza lokali, li mmappjaw, analizzaw u wettqu intervisti b’aktar minn 30 lingwa.

Ta’ min jinnota li dan ir-rapport u d-direttorju tal-midja ma jirrappreżentawx lista eżawrjenti u finali tal-midja diġitali indipendenti kollha fl-Ewropa. Nisperaw li dan huwa biss l-ewwel pass ta’ proġett tar-riċerka kontinwa li se nkomplu niżviluppaw.

Aħna ispirati mill-innovazzjoni, id-determinazzjoni, il-kuraġġ u l-ġurnaliżmu li spiss jirbaħ il-premjijiet li jipproduċu l-mexxejja tal-mezzi tal-midja li kienu ġenerużi biżżejjed biex sabu l-ħin matul il-jiem impenjattivi tagħhom biex jitkellmu mar-riċerkaturi tagħna.

Kif tgħallimna minn studji preċedenti, billi nixħtu dawl fuq it-tipi ta’ mezzi tal-midja li jidhru fid-direttorju ta’ Project Oasis, nistgħu ngħinu lill-mexxejja tagħhom jaqsmu l-għarfien, jikkollaboraw u jiksbu viżibbiltà u rikonoxximent akbar minn organizzazzjonijiet li jistgħu jipprovdu l-appoġġ vitali li jeħtieġu u jistħoqqilhom biex ikomplu b’ħidmithom.

Il-libertà tal-istampa

Reporters Without Borders tirrimarka li f’Malta, il-ġurnalisti jridu jlaħħqu ma’ ambjent polarizzanti ħafna li huwa influwenzat b’mod qawwi mill-midja tal-partiti politiċi. L-attitudni ġenerali ta’ ħafna mill-uffiċjali tal-gvern lejn ġurnalisti indipendenti tvarja minn nuqqas ta’ rispons għal waħda ta’ ostilità manifesta. 

Il-klassifika tal-libertà tal-istampa ta’ Malta naqset b’mod drastiku fl-2017 wara l-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Maltija Daphne Caruana Galizia. Il-ġurnalista nqatlet b’karozza bomba ftit metri ’l bogħod minn darha fis-16 ta’ Ottubru 2017. Il-blog tagħha, li kien jiġi segwit minn numru kbir ta’ qarrejja, irrapporta dwar każijiet ta’ korruzzjoni allegata minn politikanti u negozjanti Maltin magħrufin. Fiż-żmien li ġiet maqtula, hi kienet qed tikkollabora mal-Konsorzju Internazzjonali ta’ Ġurnalisti Investigattivi dwar investigazzjonijiet li nibtu mill-Panama Papers. Inkjesta pubblika dwar il-mewt tagħha sabet li l-istat “għandu jerfa’ r-responsabbiltà għall-assassinju u kompliet billi elenkat sett komprensiv ta’ riformi li jinkludi miżuri biex jipproteġu aħjar lill-ġurnalisti. Gruppi tas-soċjetà ċivili jirrimarkaw li l-gvern madankollu żamm lura milli jimplimenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet. 

Sal-lum, il-partit fil-gvern f’Malta jeżerċita influwenza konsiderevoli fuq ix-xandar pubbliku tal-pajjiż. Studju ppublikat fl-2021 miċ-Ċentru għall-Midja, id-Data u s-Soċjetà tal-Istitut tad-Demokrazija CEU kklassifika ix-xandir pubbliku ta’ Malta bħala wieħed ikkontrollat mill-istat. L-aċċess għal informazzjoni fl-interess pubbliku huwa wkoll problematiku, kif ġie rrimarkat fir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, li enfasizzat kif korpi pubbliċi jiċħdu b’mod regolari talbiet għal-libertà ta’ informazzjoni mill-midja għal raġunijiet arbitrarji. 

Struttura u dominanza tas-suq

Malta hija unika fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea peress li ż-żewġ partiti politiċi ewlenin fil-Kamra tad-Deputati tagħha jippossjedu, jikkontrollaw u jamministraw l-intrapriżi tal-midja tagħhom stess, li jinkludu t-televiżjoni u l-istazzjonijiet tar-radju, kif ukoll mezzi tal-istampar u dawk online. Skont ir-rapport dwar il-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja fl-Era Diġitali (MPM 2022) miċ-Ċentru għall-Pluraliżmu u l-Libertà tal-Midja, il-gvern jiddomina l-isfera pubblika permezz ta’ dan il-pussess tal-midja u l-infiq fir-reklamar.

Din id-dominanza hija opposta minn numru limitat ta’ mezzi tax-xandir indipendenti bħat-Times of Malta, The Malta Independent u MaltaToday. Għalkemm huwa relattivament faċli biex tniedi mezz ta’ xandir fil-pajjiż, is-suq joffri sorsi limitati ta’ finanzjament għal organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti. Il-pjattaformi tal-aħbarijiet online huma s-sorsi tal-midja l-aktar użati, segwiti minn networks soċjali u t-televiżjoni, li kienu l-pjattaformi preferuti f’dawn l-aħħar snin.

Kif il-midja hija ffinanzjata

Is-sors tad-dħul primarju jibqa’, bla dubju ta’ xejn, id-dħul mir-reklamar. Sorsi ferm iżgħar ta’ dħul jinkludu abbonamenti, għotjiet, ħlasijiet ta’ affiljazzjoni u l-bejgħ ta’ titli stampati. Id-dħul mir-reklamar naqas b’mod sinifikanti matul il-pandemija. Il-gvern intervjena b’appoġġ dirett u ta’ reklamar għal parti mill-pandemija, iżda dan waqaf sussegwentement. Madankollu, din l-għajnuna kkawżat ukoll diversi kwistjonijiet minħabba li xi mezzi tax-xandir indipendenti argumentaw li l-pakkett kien imfassal b’tali mod li l-organizzazzjonijiet tal-midja ta’ proprjetà politika bbenifikaw l-iktar

Il-gvern għadu meqjus bħala l-aktar klijent prominenti tal-biċċa l-kbira tal-mezzi tax-xandir Maltin. F’dissertazzjoni tal-akkademiku Norman Vella li tesplora l-professjoni ġurnalistika, l-edituri ddeskrivew lill-gvern bħala “l-akbar reklamatur fis-suq tal-midja Maltija”, iżda xi wħud żiedu li l-flus tar-reklamar pubbliku tqassmu “b’mod arbitrarju u abbużiv”, b’editur wieħed jikkonferma lir-riċerkaturi li kien hemm każijiet fejn ir-reklami ma nagħtawx minħabba li kienu “jikkritikaw wisq lill-gvern”. 

Din il-problema ġiet senjalata ripetutament minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-UNESCO u l-Kunsill tal-Ewropa, li jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ trasparenza u kriterji oġġettivi għall-finanzjament mill-istat tal-istampa. Fl-aħħar intervista qabel l-assassinju tagħha, Daphne Caruana Galizia ddeskriviet kif l-edituri ta’ The Malta Independent, fejn kienet tikteb il-kolonna tagħha ta’ kull ġimgħa, spiss intalbu biex ikeċċuha sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ reklamar.

Filwaqt li jeżisti finanzjament għal organizzazzjonijiet tal-midja li ma jagħmlux profitt u saħansitra għal dawk li jagħmlu, hemm opportunitajiet limitati għas-settur tal-midja. Organizzazzjonijiet li ma jagħmlux profitt li jkopru suġġetti bħall-ambjent, il-ġurnaliżmu, l-immigrazzjoni, il-faqar u oħrajn ġeneralment jiddependu mid-donazzjonijiet, xi element ta’ appoġġ mill-gvern u mix-xogħol tal-voluntiera. 

Is-sejba għal mezzi tax-xandir lokali diġitali indipendenti u rilevanti li jaqblu mal-kriterji ta’ Project Oasis kienet sfida, kemm minħabba li Malta hija pajjiż żgħir, kif ukoll minħabba l-mod kif organizzazzjonijiet tal-midja li huma proprjetà tal-partiti u l-finanzjament mill-gvern jiddominaw il-biċċa l-kbira tax-xena tal-midja lokali.

Partijiet minn din il-ġabra diġà żgħira ta’ mezzi tal-midja diġitali indipendenti f’Malta huma jew parti minn pubblikazzjonijiet bi storja warajhom, bħat-Times of Malta, jew li l-ewwel kienu biss stampati, bħal The Malta Independent u MaltaToday. Il-partiti politiċi jew l-entitajiet tal-knisja jippossjedu mezzi oħra lokali diġitali aktar riċenti. U filwaqt li numru żgħir ta’ blogs f’Malta għandhom segwitu qawwi minħabba l-attiviżmu tagħhom kontra l-korruzzjoni, il-kontenut tagħhom jikkonsisti primarjament f’kummentarju.

Erba’ profili ta’ organizzazzjonijiet tal-midja lokali diġitali minn Malta huma inklużi fid-direttorju. Dan jinkludi tliet profili bbażati fuq intervisti u profil ibbażat fuq riċerka dokumentata. Tlieta mill-mezzi tax-xandir jiffokaw fuq oqsma ta’ kopertura li għadhom jiġbdu l-attenzjoni bħad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-midja, kwistjonijiet ambjentali u ta’ ppjanar, attiviżmu u korruzzjoni. Ir-raba’ mezz ikopri wkoll dawn is-suġġetti, iżda l-kopertura tiegħu tinkludi wkoll kontenut sponsorjat u kontenut ta’ aħbarijiet aktar ġeneriku.

Dawn il-mezzi kollha jużaw diversi għodod tal-midja soċjali biex jgħinuhom ixandru l-kontenut u jinvolvu l-qarrejja b’modi ġodda. Pereżempju, The Shift u JournalismPlus jużaw in-newsletters biex jaqsmu xi insights jew jagħtu ħjiel ta’ proġetti futuri. Il-mezzi tax-xandir kollha jużaw Facebook biex jaqsmu l-istejjer tagħhom, minħabba li Facebook jibqa’ l-iktar pjattaforma tal-midja soċjali popolari fil-pajjiż. L-aktar sorsi importanti ta’ finanzjament għal The Shift, Daphne Caruana Galizia Foundation u JournalismPlus huma għotjiet internazzjonali u donazzjonijiet mill-qarrejja.

L-isfidi tal-mezzi tal-midja lokali diġitali indipendenti huma ħafna. Li wieħed jipprova jippenetra d-diskors pubbliku tal-pajjiż li hu ddominat mill-midja li tappartjeni għall-partiti politiċi jaf titqies bħala sfida kbira ħafna, speċjalment meta n-numru żgħir ta’ organizzazzjonijiet tal-midja indipendenti disponibbli f’Malta jkollhom joperaw f’ambjent polarizzanti u b’riżorsi limitati. Minkejja dan, l-organizzazzjonijiet tal-midja lokali diġitali qed jagħmlu xi progress fix-xena tal-midja tal-pajjiż, fil-biċċa l-kbira grazzi għall-persistenza tagħhom kif ukoll tal-appoġġ lokali u internazzjonali li qed jikber.

Aġġornat l-aħħar: Diċembru 2022